"... while Clive Piscopo, a new promising name in Children's literature, debuts with his story on Il-Bambin ta' l-Isptar ..."
Louis J. Scerri, The Sunday Times (Dec 16, 2007)
IL-BAMBIN TA’ L-ISPTAR
ta’ Clive Piscopo
Kif qatt tista’ tbassar meta xi ħadd ħa jmisslek qalbek? Kont mingħalija li, dik is-sena, lejlet il-Milied kien se jkun lejl bħal kull lejl ieħor … imma arrali.
Niftakar li kienet lejla tassew xitwija. In-nies, minkejja l-irxiex ta’ kultant, kienet qed tipprepara biex toħroġ. Jien, min-naħa l-oħra, kelli geddum sa l-art. Trid tkun vera beżżul, għedt bejni u bejn ruħi, biex tinzerta xogħol lejlet il-Milied. Ippruvajt ma nagħtix kas imma ftit irnexxieli. Anzi, aktar ma ħsibt fuq kemm jiena u Miriam konna ppjanajna fuq kif se nqattgħu l-ewwel Milied tagħna bħala miżżewġin, aktar imtlejt b’rabja.
Din ir-rabja ftit kienet battiet meta ftaħt il-bieb tas-sala u xammejt ir-riħa perpetwa tad-diżinfettant. Lil sħabi l-infermiera ma tantx sibthom inkwetati. Donnu għalihom xejn mhu xejn. “U iva,” qaltli waħda mill-kollegi kif intebħet bil-frustrazzjoni tiegħi, “issa ftit qabel nofs il-lejl ejja magħna ħa niftħu x-xampanja!” Għall-ewwel bqajt inħares lejha bħal wieħed li ma jafx x’laqtu. Xampanja? Jien x’kelli x’niċċelebra? Li ħallejt lil marti waħedha d-dar? Jew li minflok kant u daqq ferrieħi kont se nisma’ xi karba ta’ xi ħadd mifni bl-uġigħ?
“M’għandix moħħ dal-ħmerijiet.” Weġibtha mingħajr ma ħarist lejha jew stennejt tweġiba.
Mhux vera? Kien fiha x’tiċċelebra li tgħaddi lejlet il-Milied imqaddes imdawwar b’ħafna tfal morda bil-kanċer u li, tħobbhom kemm tħobbhom, ma tista’ tagħmel xejn biex tneħħilhom il-ħarsa miksura ta’ għajnejhom? Qalbi kont inħossha tingħasar nara ħafna minnhom mitluqin kwieti f’soddithom, bla saħħa. Il-Milied, ikkonkludejt jien, ma jiġix għal kulħadd. Għalfejn qgħadna mat-tfal inpenġu bil-poster colours fuq it-twieqi tal-kamra tagħhom? Għalfejn qgħadna narmaw il-kmamar bit-tinsil u l-karti tat-tajr? Min kien se jgawdihom?
Għalhekk, meta sħabi nġabru f’uffiċċju minnhom jiċċaċċraw, jien inqtajt għalija nippassiġġa fil-kuritur qisni wieħed imgerrex. Għalija l-Milied seta’ ma ġie xejn. Imsejkna dawk li jittamaw fil-mirakli. Anzi, imsejkna dawk kollha li jittamaw. Dan kollu ħolm fieragħ li ġġib magħha din il-festa.
Intasabt fuq pultruna f’tarf il-kuritur. Ma nafx kemm domt f’dik il-qagħda nisħet xortija. Naf biss li ħin bla waqt, minn bieb li kien in-naħa l-oħra tas-sala, xi ħadd kien ħareġ jittawwal; f’kemm trodd salib, ħareġ inkiss inkiss u għamel għall-bieb ta’ barra! Tant ma kontx ċert jekk kontx qed noħlom jew le li għall-ewwel lanqas biss tniffist u minħabba d-dalma ftit li xejn qbadt x’kien qed jiġri. Madankollu, il-ftit bozoz iteptpu mal-bieb kienu biżżejjed biex ninduna li Nicky, tfajjel gustuż u mqarqaċ ta’ seba’ snin, kien ħareġ bil-piġama minn soddtu u bewweġ ‘il barra mis-sala mingħajr ma ħadd intebaħ!
Mimli kurżita’, tlaqt għal warajh. Ilħaqtu nieżel it-taraġ imma ma ħallejtux jinduna bija. Fejn kien sejjer f’dan il-ħin, saqsejt lili nnifsi hekk kif Nicky kiser fuq ix-xellug. It-tifel qatt ma ħares lura. B’pass ħafif, kompla miexi kuritur wara l-ieħor sakemm, fl-aħħar, dar fuq il-lemin. Għaġġilt għal warajh u dort il-kantuniera. Qalbi waqfet!
Il-kuritur kien baħħ. Nicky ma kien jidher imkien. Għaraq kiesaħ xaqq f’daqqa għalija. Fejn mar? Dak il-ħin kont ġa bdejt nimmaġina l-infermiera kollha jiġru ma’ l-isptar wara daqxejn ta’ tfajjel jew li niġi mkeċċi talli ħallejt tifel jaħrabli. Fejn mort Nicky? Fejn mort? Fil-kuritur kien hemm biss żewġ bibien; l-ibgħad wieħed kien dak ta’ l-emerġenza! Żgur li pprova jaħrab mill-isptar! U jekk ittajru karozza! B’fixla liema bħalha ġrejt b’kemm kelli saħħa lejn il-bieb il-griż.
“Rajtu tifel?” bdejt ngħajjat ma’ min sibt hemm. “Daħal tifel? Ta’ seba’ snin?!”
It-tobba baqgħu iħarsu ċċassati lejja. Sabbatt il-bieb f’wiċċhom u ġrejt lura mnejn kont ġejt. Kont għoddni se ndur għal kuritur ieħor meta minn taħt il-għajn ilmaħt il-bieb tal-kappella ta’ l-isptar. Lanqas biss kont ikkunsidrajtu. Tgħid Nicky kien daħal hemm? B’talba mferfxa bexxaqt il-bieb bil-mod ...
IF YOU ARE INTERESTED IN READING THE REST OF STORY, DO NOT HESITATE TO EMAIL ME ON clivepiscopo@gmail.com
keep it up ;)
cya skuwll
tc